L-Ewropa li Nixtieq: Għalija u għall-Komunità li ngħix fiha

  • 24th February 2022 at 18:00

It-tielet minn sensiela ta’ diskussjonijiet dwar il-futur tal-Ewropa saret fis-sala tal-iskola primarja tax-Xewkija f’Għawdex, flimkien ma’ rappreżentanti tal-komunità Għawdxija mill-Kamra tal-Kummerċ, l-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet mhux Governattivi, Europe Direct Gozo, l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat Reġjonali, għaqdiet ambjentali u kulturali, iż-żgħażagħ u l-komunità LGBTI+.

Servizzi Ewropej F’Malta u l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Miniatru organizzaw id-diskussjoni biex individwi u rappreżentanti ta’ setturi differenti f’Għawdex ikollhom l-opportunità jitkellmu dwar sfidi partikolari li jolqtu l-gżira u li għandha tindirizza l-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin.

Fl-indirizz tiegħu lil dawk preżenti permezz ta’ messaġġ rekordjat, il-Ministru Carmelo Abela qal li permezz ta’ dawn id-diskussjonijiet f’Għawdex, l-Għawdxin ukoll għandhom l-opportunità jitkellmu dwar l-isfidi li jiffaċċjaw ta’ kuljum u jippreżentaw is-soluzzjonijiet li l-Unjoni Ewropea għandha tinidirzza fis-snin li ġejjin biex gżejjer bħal Għawdex ikomplu jiżviluppaw. “Ridna li din il-laqgħa f’Għawdex tagħtikom ukoll din l-opportunità li titkellmu fuq xiex tixtiequ, għax ħadd ħliefkom ma jħoss il-polz tal-komunitajiet f’Għawdex fl-isfidi u fl-opportunitajiet fil-ħajja tagħkom ta’ kuljum”, qal il-Ministru Abela.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Mandy Falzon tkellmet dwar l-għanijiet tal-Konferenza li primarjament tipprovdi spazju fejn iċ-ċittadini jitkellmu dwar l-isfidi ta’ tagħhom ta’ kuljum u jressqu l-ideat u s-suġġerimenti għall-futur tal-Ewropa. Minbarra li jattendu diskussjonijiiet bħal dawn, iċ-ċittadini jistgħu jinqdew bi pjattaforma diġitali li ġiet maħluqa apposta għal din il-Konferenza.

Sentiment komuni fost dawk li ħadu sehem fid-diskussjoni kien li l-Unjoni Ewropea għandha tisma’ iktar it-tħassib u d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-gżejjer u ġżejjer reġjuni billi taqta’ l-attitudni ta’ ‘one size fits all’. Minflok, għandha tiffoka fuq il-bżonnijiet u r-realtajiet partikolari li jiffaċċjaw reġjuni insulari bħal Għawdex.

L-ideat u s-suġġerimenti li tqajmu fid-diskussjoni kienu jirriflettu dan is-sentiment komuni tal-parteċipanti:

  • L-Unjoni Ewropea għandha tkun iktar saqajha mal-art meta tittratta r-reġjuni u l-gżejjer. Il-Parlament Ewropew, bħala l-unika istituzzjoni Ewropea li l-membri tagħha huma eletti direttament miċ-ċittadini, għandu jissaħħaħ biex jiżgura li ċ-ċittadini fir-reġjuni jkunu rappreżentati iktar fil-livell Ewropew.
  • L-Unjoni Ewropea għandha tagħmel iktar biex tnaqqas l-iżvantaġġi tar-reġjuni insulari bħal Għawdex, speċjalment fejn jidħol l-iżvilupp reġjonali u ekonomiku.
  • L-iżvilupp ekonomiku f’Għawdex m’għandux jibqa’ jiġi mkejjel skont il-Prodott Domestiku Gross ras għal ras, minħabba li dan ma jagħtix l-istampa vera tas-sitwazzjoni. Dan joħroġ pereżempju mill-fatt li kumpaniji f’Għawdex huma reġistrati f’Malta u għalhekk il-qligħ tagħhom jiġi reġistrat f’Malta. F’eżerċizzju li qiegħed isir mill-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali f’Għawdex dan qiegħed jiġi indirizzat biex l-iżvilupp f’Għawdex ikun jista’ jiġi mqabbel aktar realistikament ma’ dak f’Malta u mal-medja fl-Unjoni Ewropea.
  • L-Unjoni Ewropea għandha tikkonċedi li l-gżejjer ikollhom rata tal-VAT inqas mill-gżejjer prinċipali. Din il-prattika diġà ssir ma’ gżejjer oħra, bħal gżejjer fil-Greċja.
  • Fil-pjanijiet nazzjonali li jinkludu lil Għawdex għandha ssir konsultazzjoni mal-imsieħba Għawdxin. Bħala eżempju ssemma l-pjan nazzjonali għall-proġetti mressqa lill-Unjoni Ewropea għall-fondi tal-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza. L-Unjoni Ewropea għandha jkollha mekkaniżmu li jiżgura djalogu effettiv u ġenwin bejn l-imsieħba reġjonali u l-awtoritajiet nazzjonali qabel is-sottomissjoni ta’ pjanijiet nazzjonali lill-Unjoni Ewropea.
  • Fejn jidħlu ż-żgħażagħ, l-Unjoni Ewropea għandha tikkunsidrahom fit-tfassil tal-politiki kollha u tiżgura li ma jaqgħux lura. Barra minn hekk, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f’kull livell għandhom mhux biss jisimgħu liż-żgħażagħ imma jwettqu l-ideat u s-suġġerimenti tagħhom.
  • NGOs żgħar f’Għawdex iħossuhom iktar maqtugħin mill-Unjoni Ewropea minn organizzazzjonijiet li huma akbar. Ġie suġġerit li l-Unjoni Ewropea twaqqaf pjattaforma magħmula minn għaqdiet reġjonali żgħar biex ikunu jistgħu jsemmgħu leħinhom u l-interessi tagħhom u jiżguraw li ma jiġux mitfija mill-organizzazzjonijiet akbar.
  • L-Unjoni Ewropea għandha tippromwovi u tinċentiva inizjattivi reġjonali fuq skala żgħira li jinvolvu aktar liċ-ċittadini. B’hekk ikollha iktar impatt dirett u tanġibbli fil-ħajja ta’ kuljum.
  • Il-patrimonju kulturali u t-tradizzjonijiet tal-gżejjer għandhom jiġu megħjuna b’fondi Ewropej fuq skala żgħira li jiffukaw fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali li jżommu ħajjin l-artiġjanat u s-snajja’ tradizzjonali.

L-ideat u s-suġġerimenti li ħarġu f’dawn id-diskussjonijiet qegħdin jiġu miġbura minn SEM f’rapport konsolidat li jiġi ppreżentat lill-Konferenza, li hi ppjanata li tingħalaq f’Jum l-Ewropa fid-9 ta’ Mejju din is-sena.